Le. San Valentinu m’għandux ikun is-sena kollha


Ta’ spiss nisimgħu l-kumment li San Valentinu għandu jkun is-sena kollha. Dan flimkien ma’ suġġerimenti, u kummenti oħra, bħal li San Valentinu hu skuża għan-negozjanti biex jagħmlu ewro.


Hu vera li tista’ tiġik spiża jekk tixtri kull ħaġa li tara fir-reklami. Vera wkoll li hemm koppji li jħossu pressjoni biex jagħtu rigali kbar f’din il-ġurnata. Kultant għax huma tip ta’ nies li jkejlu l-imħabba tagħhom minn kemm wieħed lest jinvesti fiha. M’iniex ngħid li din ħaġa ħażina. Nies differenti jkejlu l-imħabba tagħhom b’modi differenti. Hemm min ikejjilha minn kemm wieħed jagħmel sagrifiċji. Minn kemm wieħed iqatta’ ħin flimkien. Minn kemm wieħed jibgħat messaġġi matul il-ġurnata. Hemm min ikejjilha minn kemm wieħed jixtri rigali lussużi. Però ma nistgħux inwaħħlu fir-reklam. Ir-reklam qiegħed hemm bħala avviż ta’ x’tista’ tixtri. Nistiden lil min iħoss din il-pressjoni li bilfors irid jixtri rigal, jew saħansitra rigal jiswa ġmielu, biex jiddiskuti naqra mas-sieħeb / sieħba tiegħu ħalli jara din hix impressjoni tiegħu, inkella pressjoni li ġejja mill-maħbub/a.


Irridu nammettu li kultant il-ward nixtruh għal Facebook / Instagram iktar milli għal xulxin. L-istess raġunar għandi jiena dwar dan. Jekk dik il-koppja tagħżel li tkejjel l-imħabba minn kemm wieħed jagħmel ġesti pubbliċi, min jien jien biex ngħid li tajjeb jew ħażin? Hemm min fostna għandu bżonn assigurazzjoni min-nies ta’ madwaru iktar minn ħaddieħor. Il-fatt li sħabhom jikkummentaw “kemm tħobbok” u “kemm intom ħelwin” tikkonferma li għamlu d-deċiżjoni t-tajba.



Nemmen li kollha kemm aħna għandna karattri differenti u qed nagħmlu li nistgħu biex nagħtu sens lil dak li qed ngħixu u nesperjenzaw, kemm fina nfusna, u kemm lil dak li jiġri madwarna. L-istess nemmen li nistgħu nagħmlu dwar din l-imbierka ġurnata. Jekk inti tħoss li għandek tevitaha u tinjoraha, agħmel dan. Jekk tixtieq turi lid-dinja kemm tinvesti flus fir-relazzjoni tiegħek ħu ritratt u ixħtu fuq kull pjattaforma ta’ midja soċjali li għandek profil fuqha. Jekk tixtieq tagħti sens iktar intimu lil din il-ġurnata għandek tqatta’ ftit ħin speċjali mal-maħbub/a tiegħek ukoll.


Però San Valentinu għal ħafna fostna hu tfakkira. Tfakkira li dan huwa l-ewwel San Valentinu, jew l-għaxar, jew it-tletin wieħed flimkien. Mument fejn inħarsu lura u niftakru fejn konna bħal-lum sena, jew għoxrin sena ilu. Għal oħrajn hu skuża tajba biex jiktbu dak kollu li jħossu, però ma jaslux li jgħiduh, lil dak li tant għandhom imħabba lejh. Għal uħud hi l-ġurnata fejn jagħmlu ħilithom iktar mis-soltu u jaraw kif tħossha maħbuba hi u juruha l-imħabba b’dak il-mod. “Tħobb l-imniefaħ ta’ ward, mela ħa mmur nixtrilha waħda, jew bukkett. Anzi ħa nġib bukkett.”


Hemm min hi l-unika darba li jħoss li jista’ jmur fuq il-ġenituri u jitlobhom li t-tfal jorqdu għandhom ħalli jqattgħu lejl fil-kwiet u jqumu fis-silenzju u fl-intimità hi l-festa tal-maħbubin. Għal uħud San Valentinu hi ġbid tal-widnejn li relazzjoni li tant iġġieldu għaliha fil-bidu issa qed jabbandunawha u jħalluha għal riħha, avolja qed jaraw biċ-ċar il-konsegwenzi ta’ dan l-aġir.


Il-problema ta’ San Valentinu s-sena kollha hi li ħafna minn dawn l-affarijiet ma nagħmluhomx li kieku San Valentinu jiġi ċċelebrat kuljum. Kieku tal-ward li jarma mar-roundabout din il-ġimgħa jkun hemm is-sena kollha, isir parti mix-xenarju u ma jfakkarniex kemm ilna ma nagħmlu ftit sforz biex inġiegħlu lil xulxin inħossuna speċjali. L-ideal hu, nistħajlek tgħid, li għandna nagħmlu dan is-sena kollha. Però dak hu propju l-ideal. Ir-realtà turi mod ieħor.


Mela nemmen li għandek għażla: Tista’ tintefa’ tgerger u tgħid li San Valentinu għandha tkun is-sena kollha u li hi festa tan-negozjanti, jew inkella tagħtiha tifsira inti. Issa jekk it-tifsira hi li ngħixu f’soċjetà materjalista u konsumerista, dawwar wiċċek ma’ kull qalb ħamra li tara. Inkella ordna rigal jiswa l-eluf f’idek. L-importanti li tagħti tifsira lil din il-ġurnata. It-tifsira tista’ tkun riflessjoni dwar l-imħabba f’ħajtek, ir-relazzjoni li qiegħed fiha u x’tista’ tagħmel biex issaħħaħha.



minn: Matthew Bartolo


Willingness Team hu tim ta’ professjonisti minn oqsma varji li jagħmlu ħilithom biex jagħtu l-aħjar servizz fl-oqsma relatati ma’ sesswalità, familja, u saħħa.


Għal iktar informazzjoni żuru l-Facebook tagħhom: Willingness Team, jew inkella s-sit elettroniku: www.willingness.com.mt. Tistgħu anki ċċemplulhom fuq 7929 1817.



IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon