Kun inqas perfezzjonist u iktar bilanċjat


Kemm-il darba nisimgħu li wieħed mill-kriterji li trid tilħaq biex tintgħażel għal xogħol partikolari hu li tkun metikoluż u perfezzjonist. Li timmira lejn il-perfezzjoni ma fiha xejn ħażin diment li tkun persuna bilanċjata u kapaċi tagħraf il-limitazzjonijiet tiegħek. Madanakollu, minkejja li l-perfezzjoniżmu jaf ikun l-akbar aspirazzjoni, jista’ wkoll ikun l-akbar inkubu hekk kif wieħed jispiċċa jqatta’ ħinu jgħix taħt stress kontinwu.


Persuna perfezzjonista ssibha aktar diffiċli biex tilħaq il-miri tagħha ta’ kuljum jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ madwarha ma jipprovdux ambjent idilliku u ta’ preċiżjoni. Minħabba f’hekk, il-perfezzjonisti jipprokrastinaw u jevitaw li jaħdmu f’ambjent li għalihom ma jkunx komdu u perfett.


Ġeneralment, il-perfezzjonisti jsawtu lilhom infushom b’awtokritika ħarxa hekk kif qatt ma jħossuhom sodisfatti bir-riżultati li jiksbu u jibqgħu jisfurzaw sakemm iħossu li jkunu laħqu l-ogħla livell possibbli – dak tal-perfezzjoni. Ħafna drabi, mal-iċken żball li jieħdu, anki jekk insinifikanti, iħossu li jkunu fallew fil-missjoni tagħhom u jkunu jridu jinħbew minn min qed isegwihom. Għaldaqstant ma jagħrfux li l-iżbalji huma wkoll opportunità ta’ tagħlim.

Il-perfezzjonisti jaħsbuha darbtejn qabel ma jitolbu l-għajnuna ta’ xi ħadd għax ma jkunux jixtiequ li xogħolhom jintmess. Riżultat ta’ dan, biċċa xogħol, anki sempliċi, taf tieħu aktar ħin sakemm tiġi attwata.



L-akbar pjaga ta’ perfezzjonist hi l-biża’ li jiżbalja. Il-perfezzjonisti jkunu kontinwament imħassba fuq is-sitwazzjonijiet li għandhom jevitaw għax jibżgħu li ma jkunux kapaċi biżżejjed fl-irwoli li jingħatawlhom. Fil-fatt, meta ma jħossuhomx mifnija mill-istress u l-ansjetà, ix-xogħol li jingħatalhom jagħmluh ħafna aħjar, anki jekk huma ma jkunux mija fil-mija sodisfatti bil-prestazzjoni tagħhom.


Barra minn hekk, meta l-perfezzjonisti jkun primarjament moħħhom biex ma jiddiżappuntawx lil ħaddieħor, jimtlew b’ħafna stress u, ġeneralment, jitfixlu aktar. Min-naħa l-oħra, meta dawn jiffukaw fuq kif jistgħu jtejbu l-ħiliet personali tagħhom, il-prestazzjoni tagħhom tkun aktar pożittiva.


Żomm f’moħħok dawn li ġejjin biex tnaqqas il-perfezzjoniżmu żbilanċjat:


  • Iffoka fuq ħajtek b’mod sħiħ u rrikonoxxi setturi f’ħajtek li huma importanti, pereżempju, il-familja, il-ħbieb, il-komunità, il-volontarjat eċċ.


  • L-identità tiegħek hi bil-wisq aktar ta’ valur minn sempliċement lista ta’ kisbiet.


  • Agħraf l-iżbalji tiegħek f’kuntest u użahom bħala opportunità ta’ tagħlim.


  • Wessa’ d-definizzjoni ta’ min inti ħalli meta xi ħaġa ma tmurx kif mixtieq, ħajtek tibqa’ għaddejja u ma tiġġarrafx.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon