Trischia Falzon

Ġurnalista / Newscaster

Xejn ma jiġri għalxejn

Kollox jiġri għal raġuni. Xejn ma jiġri għalxejn. Il-famuża kwotazzjoni bl-Ingliż “Everything Happens For A Reason” hija xi ħaġa li nemmen fiha ħafna. U issa iżjed minn qatt qabel.

Nemmen li l-coronavirus ma ġiex għalxejn, għaliex fetaħ għajnejn ħafna nies u għenhom jifhmu l-prioritajiet f’ħajjithom, b’mod partikolari l-familja. Minflok ikliet f’ristoranti fejn ħafna drabi kulħadd jispiċċa bil-mowbajl mal-mejda, ħafna familji reġgħu sabu ħin ta’ kwalità flimkien mingħajr l-użu tat-teknoloġija, u ntefgħu jilagħbu l-board games jew joħorġu fil-kampanja. Għalija din ir-realtà kellha tkun bil-kontra, għaliex ngħix man-nanniet – li huma meqjusa bħala persuni vulnerabbli. Ix-xogħol tiegħi ma ppermettilix li naħdem mid-dar, u kelli nieħu d-deċiżjoni iebsa li noqgħod ’il bogħod minn dawk l-aktar għeżież għalija. Mil-lum għal għada, sibt u krejt appartament sakemm jekk Alla jrid, l-agħar jgħaddi u s-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar. Kienet deċiżjoni diffiċli, mhux biss għax inħoss li ħallejthom waħedhom – anki jekk għall-ġid tagħhom, imma għax għalija fissret realtà ġdida fejn ridt nitgħallem naħseb għal rasi u nieħu ħsieb tiegħi nnifsi aktar minn qatt qabel.

Għalija, il-coronavirus fisser ukoll xaqq ta’ tama għall-futur. Meta feġġ l-ewwel każ f’Malta, kien żmien meta kulħadd kellu t-turbulenzi tiegħu fuq xiex jaħseb, u kien is-suġġett fuq fomm kulħadd. Bis-saħħa tal-coronavirus, ħadt deċiżjonijiet personali li qatt ma kont naħseb li kont kapaċi nieħu, u li tawni nifs ġdid għal ħajja aktar kalma, serena u aktar minn kollox, ta’ kuntentizza. Minkejja l-coronavirus, u l-isfidi li ġab miegħu fil-ħajja ta’ kulħadd, nista’ ngħid li llum jiena aktar kuntenta minn kemm kont xahrejn ilu.

Kienu xahrejn ta’ emozzjonijiet u ansjetà, li wasslu biex illum nista’ ngħid li jien kuntenta, u fuq kollox grata. Grata li għandi l-membri tal-familja li jinsabu f’saħħithom, grata li għandi saqaf fuq rasi, grata li għandi impjieg u paga dieħla, u grata li għandi nies f’ħajti li għallmuni nħobb u aktar minn hekk, naċċetta l-imħabba li tiġi reċiprokata lejja. Inħares ’il quddiem għal meta l-affarijiet imorru għall-aħjar mill-aspett mediku, ħalli ma jintilfux aktar ħajjiet u noħorġu minn din is-sitwazzjoni bħala poplu magħqud li jaf iħobb, jipprioritizza l-ħajja u jgawdi lil dawk ta’ madwaru.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon