Simone De Battista

Attriċi / Preżentatriċi

In-Natura Ħadet Nifs

Filli tkun għaddejja gass down minn dramm għal ieħor, programmi televiżivi, radju, eżamijiet, ġiri u x'naf jien, u f'daqqa waħda ssib ruħek wieqfa, tħares ċass u qisu ma tafx x'laqqtek.

Il-fatt li din il-pandemija ġiet fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi u ħallietni b'mistoqsija dwar x'ser jiġri minn issa l'quddiem, jekk hux se nsibu fejqan għaliha, meta ser nerġgħu niġu lura għan-normal u jekk ħajjitna hux se tkun kif kienet meta nerġgħu għar-rutina tas-soltu, tispiċċa b'ċertu tensjoni għax għad m'hemm l-ebda risposta.

Mill-banda l-oħra inħoss li n-natura qed tieħu ħsieb lilha nnifisha la darba aħna ma konniex qed nieħdu ħsiebha. U ngħidulha kif inhi, ħadet ftit tar-ruħ f'dawn ix-xahrejn.

Imma l-fatt li l-kultura raqdet u ma nistgħux intellgħu drammi kif konna qabel, lilna l-artisti affettwatna ftit mhux ħażin, mhux biss finanzjarjament iżda wkoll għax ma nistgħux nesprimu l-kreattività u l-passjoni għall-Arti kif konna qabel.

Madanakollu xorta nibqa ngħid li d-dinja kellha bżonn tieqaf għal ftit, għaliex il-ħajja mgħaġġla li konna għaddejjin fiha ma ħallietniex napprezzaw dak li Alla ħalaq għalina. Napprezzaw in-natura sabiħa li aħna mdawwrin biha. Minflok ingergru għal kull ħaġa li jiġri madwarna, forsi dan il-virus jgħallimna nħobbu iktar lil pajjiżna u lin-nies qrib tagħna.
Niftakru biss li aħna mislufin għal ftit taż-żmien f'din id-dinja u għalhekk irridu napprezzawha aktar lil ħajjitna.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon