Pauline Agius

Preżentatriċi

Il-Ħajja hi l-aqwa università

Dak li toffrilek il-ħajja u ċ-ċirkustanzi differenti li tlaqqgħek magħhom hi l-aqwa università li tista' tattendi. L-esperjenza li qed ngħixu tal-Covid-19 xejn mhi inqas. Ikolli nammetti ħafna affarijiet, nibda biex ngħid li meta smajt li ċ-Ċina intlaqtet mill-vajrus qatt m'għaddietli minn moħħi li se jasal Malta. Din diġà tagħlima minnha nnifisha, għaliex għalkemm id-dinja hi kbira kollox jaffettwa u jilħaq lil kulħadd u kollha nagħmlu d-differenza, pajjiż żghir jew pajjiż kbir.

Ħaġa oħra li nixtieq nammetti hi li mill-ewwel ħassejt impatt fuq is-saħħa mentali tiegħi meta r-rutina nbidlet ħabta u sabta, inċertezza tax-xogħol, taħdem mid-dar, ma tistax tiltaqa' mal-ġenituri u nies li tant tħobb, tfal ġewwa ġurnata sħiħa, tipprova tlaħħaq ma’ kollox, tegħja iżjed u nista' nibqa' nsemmi. Ma niddejjaqx ngħid li kien hemm mumenti fejn anke bkejt waħdi. Pero', bħal kull esperjenza fil-ħajja trid tħares lejha mill-angoli ta’ tagħlim. Trid tqum fuq saqajk u tkun b’saħħtek biex tara ċar x’kellha tgħallmek din iċ-ċirkustanza, imbagħad, kif tilbes dan in-nuċċali, l-affarijiet jidhru mod ieħor. Bħala familja aċċettajna s-sitwazzjoni, addottajna rutini ġodda, għamilna affarijiet li qatt ma konna ppruvajna qabel, qattajna aktar ħin flimkien, tgħallimna affarijiet ġodda, rajna x’kienu dawk l-affarijiet li kellhom bżonn isiru u li forsi ma kellniex ċans għalihom qabel u dan kollu wassal biex naraw ukoll il-pożittiv tas-sitwazzjoni.

Bħala persuna tgħallimt kemm hu importanti li tippjana u taħseb għal meta tinqala' xi ħaġa, li għalkemm il-flus mhumiex kollox, xorta trid taħseb għal meta jiġi l-maltemp. Il-ħajja sabiħa mingħajr stress żejjed u esaġerazzjoni ta’ xogħol. Kemm hu sabiħ is-safar u li naraw postijiet ġodda u bħalissa l-aktar ħaġa li qed nimmissja. Meta tiġi ċirkustanza li taħsadna, wara li nikkalmaw, għandna mill-ewwel infittxu l-pożittiv tagħha u x’tagħlima qed tipprova tagħtina l-ħajja.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon