
Mark Doneo
Awtur / Attur
Ikkumplikata? – Ħsibijiet żgħar. Żgħar bħal virus.
L-EWWEL ĠURNATA
9:00am. Bilqiegħda fil-bitħa. Kafe’ u gallettina tal-qamel.
Moħħi mifqugħ bi ħsibijiet differenti:
Tgħid din l-aħħar ġimgħa li se ngawdi ‘l missieri? Se nissaportu ‘l xulxin jien u l-mara kuljum ma’ sorm xulxin? Jirnexxieli nlesti l-istorja li bdejt nikteb sentejn ilu? Miljun tarf. Imma f’dan il-mument partikulari kont qed niċċassa lejn il-moffa li bdiet titrabba taħt il-bieb tal-bitħa li jagħti għal-kamra tas-sodda. Kienet ilha hemm. Imma dejjem taparsi ma rajthiex. Innutajt ukoll il-kwiet u t-tpespis tal-għasafar tal-bejt. Immaġinajt li minn dejjem kienu xi mkien hawn l-għasafar imma qatt ma nnutajthom qabel. Farrakt il-gallettina ċelebri li kont qed niekol, qbadt il-pultruna u tlajt fuqha biex nagħmel il-frak fuq iċ-ċint li jifred il-bitħa tiegħi minn tal-ġar. Għidt bejni u bejn ruħi, nagħmel ħabib ġdid sakemm indumu maqfulin.
Missieri ħareġ rasu mit-tieqa tal-kamra tas-sodda tiegħu sular fuqi.
“X’int tagħmel? Trid tikser saqajk it-tnejn?”
Il-mara ġiet tara x’inhu jiġri ukoll.
“Diġa xbajt, sieħbi?” Faqqgħet daħka u telqet ‘l hemm.
IS-SITT ĠIMGĦA
9:00am. Kafe’ u biċċa apple pie home made. Tal-Lou. Għaġina magħmula l-ġenna.
Elf ħsieb:
Se jieqfu iħaffru għaż-żejt? Għalfejn huma l-aktar nies stupidi u kattivi li jsemmgħu leħinhom l-aktar? Qed ilaħħqu mal-ispejjeż ħuti u n-neputijiet? Tgħid tilbisha l-maskra ommi jekk tmur ġirja s’għand tal-ħaxix mingħajr ma tgħidli? Ilbieraħ inħsilt? Wisq saret ikkumplikata l-ħajja.
Ħarist lejn il-laptop. Paġna disgħa. Qed naħdem fuq storja ġdida. Għal qalbi ġejja. L-oħra nsejtha.
“Se ddum tiċċassa lejn dik il-moffa, ibni?”
“X’moffa? X’int tara?” weġibtu.
“Kellimtni, Don?” Għajtet il-mara minn ġewwa.
“Le, sieħbi, kompli. Lid-daddy kellimt....”
U sħabi l-għasafar tal-bejt jissindikaw, jpespsu u jnaqqru mill-plattina ta’ fuq iċ-ċint tal-bitħa.
Le ta....
...sempliċi.