Image-empty-state.png

Marita Pace Dimech

Avukat

17/05/20

Napprezzaw aktar dak kollu li għandna

Il-pandemija COVID-19 ġegħlitna mmajnaw ir-ritmu mgħaġġel li konna qegħdin ngħixu ta’ kuljum. Minkejja l-isfidi li ġabet magħha, li mhux biss affettwawna direttament bħala individwi imma anke l-impjiegi u l-industriji, COVID-19 kien mezz sabiex jgħina napprezzaw aktar dak kollu li għandna, fosthom is-saħħa, l-platt sħun li nsibu ta’ kuljum fuq il-mejda, l-familja, l-valuri u dawk l-aktar qrib tagħna.

Għandna nieqfu u napprezzaw lil dawk il-ħaddiema kollha li qegħdin fuq quddiem nett ta’ din il-battalja ma’ għadu inviżibbli. Apparti t-tobba u l-infermiera, dawn jinkludu fost l-oħrajn il-ħaddiema tal-indafa pubblika. Minjaf kemm-il darba smajna l-frażi “Jekk ma tistudjax tispiċċa bħal dak!” Minkejja li dan it-tip ta’ x-xogħol ma fih xejn ħażin, din il-pandemija kienet għodda sabiex ġelgħitna nirrealizzaw kemm fil-verita’ kulħadd huwa bżonn xulxin u li ħadd m’hu superjuri fuq ħaddieħor. Sa mnalla kienu dawn il-ħaddiema li kontinwament qegħdin jaħdmu qatigħ sabiex pajjiżna jibqa jħares is-saħħa pubblika. Għaliex ngħiduha kif inhi, x’jiswa li tkun fl-għola kariga u ma tkunx b’saħħtek? X’jiswa li jkollok il-ġid kollu tad-dinja imma m’intix b’saħħtek? Xejn!

Għandna napprezzaw il-ħajja aktar minn qatt qabel, ngħixu kull mument ma’ dawk l-aktar qrib tagħna, nitbissmu aktar, ngħożżu u ngħixu l-valuri li għaddewlna l-familji tagħna u nesprimu l-imħabba tagħna lejn is-sieħeb/sieħba tagħna b’ġesti żgħar u sempliċi, iżda li fl-istess waqt jissimbolizzaw l-apprezzament ta’ dak kollu li jagħmlu magħna ta’ kuljum.