Lorraine Cunningham

Ġurnalista Sportiva

Doċċa Kiesħa

Kont qed ngħix ħajja bla nifs kważi lanqas ċans ingawdi dak kollu li kien qed jiġri madwari. Kelli mpenji aktar milli kelli ħin. Biċ-ċajt kont ngħid li kieku nista ġurnata nġiba 48 siegħa. Is-safar għalijha kien normalita' u hekk kif ninżel minn fuq l-ajruplan inkun qed naħseb f'destinazzjoni oħra. Tmiem il-ġimgħa għal ħafna huwa mistrieħ, tgawdija tal-familja u divertiment, għalijha kien xogħol għax l-isport iseħħ l-aktar is-Sibt u l-Ħadd u għalhekk ma nafx meta l-aħħar mort picnic jew ħriġt niekol mal-familja l-Ħadd f'nofsinhar.

Bdiet is-sena 2020 u kelli diġa kalendarju mimli - safar kważi kull xahar, attivitajiet, shows, kunċerti - nipprova ma ngħid le lil ħadd. Bdejt nisma fuq l-aħbarijiet dwar il-corona virus fiċ-Ċina u bqajt għaddejja qisu kollox normali bħal meta smajna b'mard ieħor Sars, Mad Cow Disease, Bird Flu etc - kollha kienu tal-biża iżda ma żammewniex milli nkomplu ħajjitna normali. F'daqqa waħda qiesa faqqet sajjetta u ħadt doċċa kiesħa fejn irrealiżżajt li Malta mhux speċjali u m'aħniex ġo bużżieqa u din il-pandemija kienet se taffetwana lkoll. Kelli nieħu azzjoni u għas-saħħa ta' kulħadd bdejt nikkanċella l-attivitajiet bl-ewwel fuq il-lista avvenimenti sportivi nternazzjonali. Kelli nikkanċella vjaġġ ma oħti sabiex niċċelebraw egħluq il-50 sena tagħha u b'dieqa kbira waqaf l-isport kollu.

F'daqqa waħda sibt ruħi f'sitwazzjoni fejn il-Ħadd kien liberu iżda xorta ma stajtx nagħmel dawk l-affarijiet li dejjem xtaqt nagħmel għax għal-ġid ta’ kulħadd irridu noqgħodu ġewwa. Għalhekk ħadt l-opportunita sabiex nagħmel affarijiet oħra bħal paġna ġdida fuq facebook iddedikata għan-nisa sportivi, atleti u professjonisti fl-isport xi ħaġa li kont ili biex nagħmel għal diversi xhur. Bdejna nagħmlu laqgħat online u webinars - esperjenza ġdida li tista tagħmel il-ħajja ta' kulħadd aktar faċli u ħadd ma jasal tard għax ma sabx jipparkja jew inqabad fit-traffiku.

Doċċa kiesħa li ħasditna iżda ġabitna f'sensinha. Irridu innaqsu r-ritmu. Irridu nidraw nieħdu n-nifs. Irridu nħallu lid-Dinja tieħu nifs. Irridu nitgħallmu li t-teknoloġija tista' tgħinha innaqsu dan ir-ritmu mgħaġġel billi kemm jista jkun naħdmu mid-dar u nagħmlu laqgħat virtwali specjalment dawk li jinvolvu vjaġġar barra l-pajjiż. B'hekk inkunu qed ngħinu innaqsu l-karozzi fit-toroq u għalhekk il-poljuzzjoni. Niffrankaw il-ħin ta' l-ivjaġġar u nkunu aktar rilassati.

Inħarsu lejn il-pożittivita' ta' din il-pandemija - spiċċa ż-żmien li qiesu kollox huwa bi dritt, tgħallimna napprezzaw dak li għandna u għal darb'oħra l-poplu Malti wera lil bqija tad-Dinja li m'hawn ħadd bħalna għax kulħadd medd idejh biex jgħin lil vulnerabbli u rnexxielna nkunu ta' eżempju għal kulħadd b'riklam għall-isbaħ pajjiż fid-dinja - Malta tagħna.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon