Kelly Peplow

Ġurnalista / Attriċi

L-Aqwa għalliema?

Jekk xejn din il-pandemija kienet fost l-aqwa għalliema li qatt setgħet toffrilna n-natura. Tgħallimna li aħna, il-bnedmin, m'aħniex l-irjus kbar indispensabbli li xi kultant naħsbu li aħna. Tgħallimna kemm fil-verità aħna responsabbli għas-sigurtà ta' xulxin.

Tgħallimna l-valur ta' professjonijiet li qabel ftit konna nagħtu kashom jew napprezzaw x'sagrifiċċji jitolbu. Tgħallimna li l-affarijiet materjali fil-verità ma jiswewx karlin ħdejn is-serħan tal-moħħ li qrabatek u l-egħżeż tiegħek huma b'saħħithom u kuntenti.

Tgħallimna li hawn modi different kif taħdem, kif tistudja, kif twassal opinjoni jew kif tagħti spettaklu. Fuq kollox tgħallimna l-importanza li wieħed isegwi x'qed jiġri madwaru. Tgħallimna ħafna lezzjonijiet imprezzabbli li nispera biss li, ladarba jkun għadda kollox, ma nħallux itiru mar-riħ qisu qatt ma kien xejn.

Għalija, l-egħżeż lezzjoni hija tal-poter ġenwin u ġust ta' kelma ta' kuraġġ. Kelma li b'xi mod mirakoluż ittaffi l-qalb maqsuma ta' xi ħadd li għar-raġunijiet tiegħu qed isofri, u hawn ĦAFNA li qed isofru minħabba l-pandemija. Min għax tilef l-impjieg, min għax qed jiċċaħħad minn familtu jew minn daru, min għaliex iħossu msakkar bejn erba' ħitan klawstrofobiċi, u min għaliex minħabba l-professjoni tiegħu qed ipoġġi l-bżonnijiet ta' ħaddieħor qabel tiegħu.

Tgħallimt li l-estetika tal-bniedem hija l-aqwa maskra, li kapaċi tgħatti l-akbar għawġ u uġigħ. Tgħallimt kemm il-frażijiet 'kif int?', 'ħu ħsieb' jew 'ftakart fik u ridt nagħtik ċempila', itaffu mid-dieqa li kapaċi ġġib magħha din ir-realtà.

Nittama biss fil-valur tal-kelma ġenwina ta' kuraġġ.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon