Karl Wright

Psikoterapista tal-Familja

COVID19, Corona Virus, Pandemija

Huwa dan vokabularju ġdid li sar antik?

Kliem u esperjenzi tal-bieraħ? Tal-lum ukoll? Imma mhux ta’ għada, le?
Huwa ċert li għexna lkoll flimkien perjodu diffiċli, beżgħana minn xi ħaġa li ma fhimniex u/għax
ma rajnix. Rajna u ħassejna biss l-effetti tagħha jew fuq livell personali jew mill-esperjenza ta’
min ġarrab. Min mod u min ieħor. L-impatt kien enormi fuq kull settur u madwar id-dinja kollha,
anki jekk mhux kullimkien l-istess.

F’ħakka t’għajn, donnu mhux iżjed Stay Home Stay Safe. Wieħed jifhem li ma setax ikun għal
dejjem li nibqgħu magħluqin ġod-dar, mingħajr ma nissoċjalizzaw, mingħajr ma niltaqgħu ma’
xulxin. Diġà għidt anki pubblikament li ftit ftit ridna nibdew inċedu mill-biża’ u nintreħew ftit
biex inqarrbu lejn in-normalità l-ġdida. Dan però ma jnaqqas xejn mir-responsabbiltà li lkoll
għandna jekk verament jinteressana minn xulxin u jekk verament nirrispettaw wieħed lill-ieħor.
Erġajna ħerġin mill-fosdqa. Uħud b’pass iktar kawt minn oħrajn. Il-mument li nuru li jimpurtana
minn saħħet xulxin u mhux nippersonifikaw b’għemilna il-kunċett vulgari I’m Okay Fuck you
Jack! Dan għandu jittraduċi f’azzjoni kollettiva ċara fejn kull individwu jieħu l-prekawzjonijiet
kollha biex jipproteġi lilu nnifsu u lil ta’ madwaru, kif ukoll lill-ambjent.

Għedna mill-bidu li flimkien konna se ngħaddu minn din il-burraxka u noħorġu minnha. Flimkien
ifisser li nbatu lkoll biex ingawdu lkoll.

Ġenwinament nixtieq nara l-idea ta’ FLIMKIEN tibqa’ konsolidata u mhux tiġi sparpaljata fl-
individwaliżmu li kien seħet id-dinja. Ejja ma nħallux li nerġgħu nirrumblaw fuq xulxin basta
nkunu sew ‘jien’. Nixtieq li l-altuwiżmu jirbaħ fuq l-egoiżmu. Jekk ma jiġrix hekk, wisq nibża’ li
ma nkunu tgħallimna xejn minn żmien il-pandemija.

COVID19, Corona Virus, Pandemija...vokabularju li ntagħġen fl-istorja ta’ ħajjitna, li rridu ngħixu
bih, li rridu nużawh tajjeb biex narrikkixxu l-esperjenza tagħna u l-istorja li se nħallu b’wirt lil ta’
warajna.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon