Georgiana Farrugia Bonnici

Tabiba

Messaġġ ta' kuragg lill-poplu

Jiena Georgiana, tabiba u ex-radjografa, ta' 29 sena, minn Marsaskala. Fi ftit kliem, inqis ruhi bħala persuna riservata, iżda b'qalb tad-deheb! Inħobb ngħin u nimmotiva' lil kulhadd, b'kull mod possibli. Għalhekk, illum xtaqt nieħu din l-opportunità sabiex inwassal messaġġ ta' kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, waqt l-imxija tal-Covid19; marda li laqtitna ħabta u sabta, u ħalliet ħafna impatti negattivi globalment.

Nixtieq nibda billi nagħmel appell lill-qarrejja biex nieħdu ħsieb xulxin, u jkunu generużi ma' ħaddiehor, b'liema mod applikkabbli għalihom, f'dan iz-żmien diffiċli għall-kulħadd. Anke b'sempliċiment telefonata tista' tferraħ persuna, f'dan iż-żmien ta' pandemija.

Kif ukoll, peress li m'għad hawn l-ebda kura għall-Covid19, huwa importanti li wieħed jobdi r-regoli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi, jaħsel idu u jiddiżinfetta affarijiet li juża spiss, japplika l-miżuri kollha biex iżomm id-distanzi soċjali u ma johroġx mid-dar bla bżonn, u kif wkoll; izomm is-sistema immuntarja tiegħu b’saħħitha, billi jiekol ikel bnin li hu għoli fil-Vitamina C/Zinc/Vitamina D, inaqqas l-istress, ma jpejjipx, jorqod bejn 6 u 8 siegħat kuljum, u jeżercita ruħu regolarment.

Nixtieq ngħidilkom ukoll biex tevitaw li taqsmu aħbarijiet online, jew in-persona li ma jkunux veri u mhux approvati xjentifikament, għaliex dan qed joħloq konfużjoni u allarm bla bazi, fost il-membri tal-pubbliku. Jiena ħassejt il-bżonn li nniedi servizz voluntarju fuq il-blog tiegħi, www.facebook.com/be.heart.healthy fejn dawk kollha li jkollhom xi dubji dwar aħbarijiet foloz, jkunu jistgħu jivverifikawhom miegħi stess.

Il-maltempata tal- Covid-19 ser tgħaddi, imma l-ewwel irridu naħdmu kollha flimkien għal għan wieħed. Hemm ħafna nies li qed jinjoraw l-avviżi ta' l-awtoritajiet tas-saħħa. Dan iz-żmien mhux lok għal picnics, bbq's jew attivitajiet oħra tal-massa fejn il-baħar, bħal li kieku xejn ma hu qed jiġri. Issa hu l-ħin opportun li noqgħodu ġewwa, jekk hu possibli naħdmu bit-teleworking, u fl-istess ħin ninvestu fina nfusna u f'dawk li nħobbu l-aktar. Uzaw dan il-ħin biex tgawdu lill-familjari, jew taħdmu fuq proġetti ġodda, li fil-passat kontu tlaqtuhom għax kontu wisq impenjati, u ftit li xejn stajtu tagħmlu affarijiet li xtaqtu.

Nixtieq nisħaq ukoll l-importanza li lkoll ngħixu stil ta' ħajja sana, li tinvolvi attenzjoni lejn il-qasam fiżiku, mentali u soċjali. Peress li din il-pandemija globali ħalliet wkoll effetti negattivi fuq id-dinja tax-xogħol u l-ekonomija, nħoss wkoll il-bżonn li nippromwovi l-inizzjattivi kollha ta' diversi NGOs lokali u internazzjonali; sabiex ngħinu kemm lill-persuni vulnerabbli, (u anke annimali) fil-bżonn. Flimkien biss nistgħu nagħmlu d-differenza, u naċċertaw li nżommu din il-pandemija taħt kontroll.

Kuraġġ MALTA!
#EjjewNiehduHsiebXulxin ♡

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon