Dr Angelica Attard

Psikologa

X’inhi l-istorja ta’ ħajtek li tixtieq tikteb u tgħix?

Kollha kemm aħna ħassejna l-impatt tal-pandemija Covid-19. B’xi mod jew ieħor kollha ħassejna xi tbatijiet soċjali, finanzjarji, emozzjonali, mentali jew fiżiċi.

F’sitwazzjonijiet ta’ tbatija u trawma kollha jkollna bżonn it-tama u l-kuraġġ biex nibqgħu għaddejjin. Iktar minn hekk, nistgħu noħorġu minnha aħjar milli konna qabel. Fil-fatt, ir-riċerka fil-psikoloġija turina li esperjenzi trawmatiċi jistgħu jservu wkoll biex:

- Napprezzaw it-tajjeb li għandna f’ħajjitna
- Niskopru opportunitajiet ġodda
- Nikbru bħala individwi
- Insaħħu r-relazzjonijiet ma’ dawk ta’ madwarna
- Inħossuna aktar siguri spiritwalment

Għal bosta minna, meta r-rutina normali waqfet ħesrem minħabba l-Covid-19 indunajna kemm konna qegħdin ngħixu l-ħajja b’pass mgħaġġel wisq. Kollox kien jimxi b’mod awtomatiku, ħafna affarijiet nagħmluhom “għax ta’ bilfors”, u dejjem inħossuna għajjenin – kemm fiżikament u kemm mentalment. Bla ma nafu, spiċċajna ngħixu u niktbu ‘storja’ ta’ ħajjitna li hi magħmula minn kapitli monotoni li huma neqsin mill-kuntentizza.

Issa għandna opportunità biex nirriflettu u niddeċiedu li nibdew folja ġdida. Biex nibdew naraw li qed ngħixu ħajja mimlija bl-affarijiet li verament ngħożżu.

Allura x’inhi l-istorja ta’ ħajtek li tixtieq tikteb u tgħix?

Forsi niskopru li nixtiequ nagħmlu bidliet u niktbu kapitli ġodda f’ħajjitna fejn:

Inqattgħu iktar ħin fin-natura jew mal-familja | nieħdu iktar brejks fil-ħin tax-xogħol | nitgħallmu xi ħaġa ġdida | nieħdu aktar ħsieb lilna nfusna | naraw inqas televixin | nibdlu l-karriera jew il-post tax-xogħol jekk m’humiex ituna ċertu sodisfazzjon personali

Forsi wkoll niskopru li l-kapitli li tant xtaqna diġà kienu hemm imma ma konniex qed nagħtu kashom biżżejjed:

Nindunaw li konna mitlufin infittxu verżjoni ta’ ħajjitna u tagħna nfusna li hija wisq idealista: b’iktar suċċess, li tidher isbaħ, u li hija l-għira ta’ dawk ta’ madwarna. Iffukajna biss fuq dak li xtaqna imma m’għandniex, u nsejna t-tajjeb li diġà kien f’ħajjitna (eż. il-familja, xogħol stabbli, saħħa, dar fejn ngħixu, ikel fuq il-mejda.)

Meta ma jkollniex għażla oħra ħlief li naffaċċjaw id-diffikultajiet tal-ħajja, nistgħu nibdew nagħrfu l-kwalitajiet pożittivi ta’ kuraġġ, determinazzjoni, solidarjetà u t-tajjeb li għandna; kwalitajiet li kienu dejjem magħna għax huma parti mill-karattru u l-identità tagħna.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon