Clayton Saliba

Fundatur ta' Isma' Ftit

Bilqiegħda mal-Ħsieb

F’dinja mimlija aljenazzjonijiet, materjaliżmu u nuqqas ta’ ħin liberu jew ċans biex nidħlu fi ħsibijietna għal ftit riflessjoni, sibna dan iż-żmien ta’ pandemija li waqqafna, sikkitna u rażżanna milli nkomplu miexja fit-triq tal-preċipizzju. F’dan iż-żmien fejn darna saret is-sors tal-attivitajiet kollha ta’ ħajjitna, fejn skoprejna d-dettall ta’ kull rokna ta’ kull kamra, fejn sirna nisimgħu ħsejjes tal-għasafar jew taż-żiffa ħelwa li qabel qajla konna nintebħu bihom, mhux għax ma kinux hemm, imma għax konna wisq medhija f’dinja mgħaġġla u storbjuża b’affarijiet, fil-verità, sekondarji. Poġġejt ftit bilqiegħda nitħaddet mal-ħsieb. Dejjem hemm jgħajjatli, dejjem hemm iħabbat, però ftit hu l-ħin li kont niddedika għalih. Din id-darba sabni u ma kellix skuża biex naħarbu. Kienu wisq l-affarijiet li xtaq jiddiskuti miegħi fosthom dwar xi ħwejjeġ li ftit nagħtu kas; kliemna, l-għemejjel tagħna, il-maħfra, l-imħabba u l-kuntentizza.

Beda billi staqsieni “Xi jġegħilna nagħżlu l-kliem li nagħżlu? Xi jġegħilna nagħmlu l-azzjonijiet li nagħmlu?” Kemm-il darba nikkummentaw u ngħidu kliem żejjed, speċjalment dwar ħaddieħor, kemm naħsbu fil-fatt li kulħadd għaddej minn xi diffikultà f’ħajtu, li kulħadd għaddej jew għadda minn xi saram. Għalina tista’ tkun biss kelma, ċajta jew kumment insinifikanti, imma għal ħaddieħor tista’ tfisser ix-xefaq tal-irdum, l-għafsa fuq il-ferita, jew il-ferita nnifisha. Forsi l-kliem li nagħżlu jgħid ħafna dwarna milli fuq min inkunu qed nikkummentaw, forsi dan nużawh biex ngħattu l-ħofor ta’ ġewwa qalbna jew tal-inqas hekk naħsbu!

Kemm hu sabiħ li nkunu umli fi kliemna u f’għemilna. Kemm hu sabiħ li ngħixu f’armonija mal-oħrajn. Mhux dan li finalment għandna naspiraw għalih? U l-armonija mal-oħrajn u man-natura, mhux kuntentizza ġġib? Mhux il-kuntentizza rridu f’ħajjitna u li nkunu kompleti?

Il-kuntentizza ma tiġix bħala xi prodott minn xi ħanut tal-merċa, lanqas issibha fix-xorti f’xi biljett tal-lotterija imma trid taħdem għaliha. Il-kuntentizza ma tiġix mill-kummenti, lanqas mis-seksik vojt dwar sħabna jew ta’ madwarna. Il-kuntentizza tiġi mill-umiltà, mill-mod ta’ kif ngħixu mal-oħrajn, mill-mod ta’ kif nitkellmu u naġixxu. Il-kuntentizza tiġi wkoll mill-maħfra, li nkunu konxji li bniedem, bħalna, hu dgħajjef u ħsibijietu jaf ikunu mtappna b’dak kollu li għadda minnu f’ħajtu. Il-maħfra hi kelma iebsa għal xi wħud u bir-raġun. Madanakollu l-maħfra, meta nduqu l-frott tagħha, trattbilna qalbna u għax trattbilna qalbna ssaħħaħna, tilliberana mill-ktajjen li jżommuna mwaħħla f’ħabs ta’ dispjaċiri, ta’ mibegħda u ta’ vendetti.

L-imħabba min-naħa l-oħra hi kelma ħafna drabi miżinterpretata u mhix mifhuma. L-imħabba fil-qalb hi s-sigriet tal-kuntentizza assoluta. L-imħabba fil-kliem u fl-imġiba tagħna, l-imħabba f’dak li nagħmlu, l-imħabba għan-natura u l-ħlejjaq, l-imħabba għax-xogħol u l-passatempi tagħna, l-imħabba fil-qalb u fil-moħħ.

L-imħabba mhux qiegħda biss fil-kelma ‘nħobbok’ imma qiegħda fl-eżempju tal-istess kelma. Kun miftuħ għall-imħabba, la tagħlaqx il-bieb, la ssakkrux, imma iftaħ il-bieb għall-imħabba beraħ. Tqarreb lejn dawk ta’ madwarek billi tieħu ħsieb kliemek u l-metodi tiegħek, tqarreb lejn ix-xogħol billi tapprezza u tkun grat lejn dak li qed jagħtik l-għajxien. Tqarreb lejn l-ambjent u n-natura billi tħares u tipproteġi ’l-ħolqien, imma qabel kollox, f'dan iż-żmien, ħares ġewwa qalbek fil-profondità tagħha u tgħallem aċċetta u ifhem lilek innifsek, għaliex ladarba tiltaqa’ miegħek innifsek, twitti t-triq għall-mixja ta’ mħabba, kuntentizza u ħajja ġdida.

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon