Angelica Farrugia

Studenta tal-Midja

7 ta' Marzu 2020

Ħajja normali, kollox sejjer sew.
Il-mara tmur għax-xogħol, ir-ragel iwassal it-tfal l-iskola. Traffiku fit-toroq, ħwienet jiftħu mad-dawl tax-xemx. Ajruplani deħlin u ħerġin, dgħajjes ġejjin u sejrin. Turisti jgawdu is-sbuħija ta din Malta tagħna. Ħajja għaddejja bir-ritmu mgħaġġel tagħha.

Iżda kollox kellu jinbidel f'ħakka t'għajn. Fis-7 ta Marzu, skoprejna propju l-ewwel każ ta Covid-19 f'Malta.

Daqshekk xogħol għall-mara, daqshekk skola għat-tfal. Ir-raġel tabib, bilfors irid ikompli jaħdem. Fit-toroq kollha - baħħ. Silenzju perfett, bħal donnu il-ħajja waqfet. Donna waqafna ngħixu, imma bdejna biss neżistu. L-awtoritajiet qalulna li ma nistgħux noħorġu, u kien hemm xi nies li ġew immultati għax ħarġu. Lanqas l-ajruplani ma komplew jaħdmu. Portijiet? Magħluqin ukoll.

Kuljum, fin-nofs siegħa, kulħadd jistenna lill Profs Charmaine Gauci biex ittina aġġornament tas-sitwazzjoni. Niftakar meta dak kien ikun ħin l-ikel, u konna ninġabru madwar mejda bħala familja magħquda. L-eżamijiet mexxewhom għal Settembru. Kunċerti, festi, tiġijiet, attivitajiet pubbliċi - tħassru kollha. Il-knejjes magħluqin ukoll. Addio l-mixja tad-dwejjaq fit-tmienja ta filgħodu, jien u sejra l-iskola. Addio niltaqa ma tfal ġodda, u nferrahhom waqt ix-xogħol. Qed ikollna lezzjonijiet online issa, sistema pjuttost tajba sabiex nibqgħu nitgħallmu, u nżommu ruħna okkupati bl-assignments.

Qed inħossni ha niġġennen. Għandi wisq xogħol, u m'aħniex qed ningħataw deadlines għax anka l-lecturers indeciżi. Is-saħħa mentali qed tilgħab; ħafna mill-ħin qed inkun bla emozzjonijiet. Tgħid meta se nerga nara lil sħabi u ngħannaqhom waħda miegħi? Meta ħa nkun nista nerġa immur ingawdi ħarġa mal-għarus? Meta ħa nerġa nitla Paceville u nieħu buzz? Se nkun nista ngawdih is-sajf, jew irrid nibqa ġewwa?

Però, f'din-negattivita kollha, nara xaqq ta dawl, raġġ ta tama. Veru li mill-443 każ li kellna, sfortunatament mietu tlieta, imma xorta waħda ħafna fiequ. Infatti, 150 fiequ mill-440 każ attiv li għandna. Dan ifisser li ftit iktar minn terz (terz jiġi 146) fiequ minn dan il-virus. 1/3 ta, mhux ċajta! Ħafna mill-poplu qed jikkopera mal-miżuri li qed jingħataw, u għandna ukoll ħafna servizzi b'xejn. Kulħadd qiegħed jingħaqad biex niġbdu ħabel wieħed, irrelevanti jekk hux aħmar jew blu.

Kuraġġ. Dħalna fiha flimkien, u ħa noħorġu minnha flimkien. Wasalna s'hawn, ma nistgħux naqtgħu qalbna u nieqfu naħdmu issa. Jekk irridu verament naraw il-frott ta dawn il-miżuri, irridu nobduhom. Ibqgħu ġewwa kemm jista jkun, u oħorġu biss għall-bżonn. Il-gvern, ġurnalisti, pulizija, suldati, tobba u nurses qed jagħmlu sagrifiċċji kbar għall-poplu kollu, u veru għandna għalfejn inkunu grati lejhom. Hemm anka nies li qed jgħinu b'mod volontarju, li qiegħdin jirriskjaw li jittieħdu wkoll. Ejja napprezzaw ix-xogħol siewi tagħhom, u nuru l-apprezzament tagħna billi nobdu.

Bħal ma qal John Lennon, "Everything will be okay in the end. If it's not okay, it's not the end."

IKKUNTATTJANA

t: +356 9999 8299

e: info@ismaftit.com

PAĠNI

TINSIEX TITBISSEM ILLUM!

© Kull Dritt Riservat 2016 - Isma' Ftit

  • Black Facebook Icon
  • Black Instagram Icon
  • Black Pinterest Icon